Il-Ħamis, 7 ta’ Awwissu 2008

Wara l-Ħatriet

Fil-bidu ta' din il-ġimgħa, il-Konferenza Ġenerali tal-Partit Laburista ħatret amministrazzjoni li se tkun qed isservi ghaz-zmien illi ġej. Inħattru wkoll għaxar membri tal-ezekuttiv nazzjonali li se jservu fl-ezekuttiv flimkien mal-membri l-oħra ta' din l-istruttura fil-Partit Laburista.

Saru il-ħatriet, id-delegati esprimew il-fiduċja tagħhom bil-vot illi taw. Issa jmiss li jitwettaq ix-xogħol kbir li għandu jsir. Xogħol li se jagħti ħajja ġdida lill-Partit Laburista. Xogħol li se jsostni lit-tmexxija l-ġdida tal-Partit Laburista. Xogħol li se jfassal il-futur tal-Partit Laburista u l-mod kif il-Partit Laburista se jservi fil-futur.

Minn dawk eletti, aħna nistennew li l-ewwel u qabel kollox, jaħdmu bħala team. Jibgħatu sinjal lill-istrutturi kollha tal-Partit Laburista, li t-triq 'l quddiem hija li xoxgħol isir bħala team wieħed li fih kullħadd ikollu l-ispazju biex jagħti s-sehem tiegħu b'risq il-partit.

Jeħtieġ li d-deċizjonijiet tal-Konferenza Ġenerali jiġu rispettati. Kullħadd kellu l-opportunita' li jwassal il-ħsieb tiegħu. Kullħadd kellu ċ-ċans li juri l-ħsibijiet tiegħu tul dawn l-għazliet. Issa imiss li minkejja kull differenza, jeħtieġ li niġbdu ħabel wieħed mill-istess tarf, fl-istess direzzjoni.

Issa jmiss li l-enerġija tintuza b'mod pozittiv. Jeħtieġ ħsieb pozittiv biex jitwassal l-aħjar messaġġ u jasal bl-aħjar mod. Biex iseħħ dan, jeħtieġ impenn minn kullħadd u b'determinazzjoni sħiħa biex ma nħallu xejn xi jtellef il-ħidma li trid issir.

No comments: